Is-Sur Ryan Spagnol ingħaqad mal-amministrazzjoni pubblika fl-2013 bħala Uffiċjal għall-Policy u l-Leġiżlazzjoni tal-UE f’dak li qabel kien jissejjaħ MEUSAC (Malta-EU Steering and Action Committee). Is-sena ta’ wara huwa beda jaħdem ma’ Identity Malta, fejn kien responsabbli għall-implimentazzjoni tal-istruttura organizzattiva ġdida tat-Taqsima tal-Espatrijati, kif ukoll għall-implimentazzjoni ta’ policies marbutin ma’ liġijiet nazzjonali u tal-UE. Fl-2015 ġie fdat bit-tmexxija tal-proċess tal-bidla tad-dokumentazzjoni tar-residenza ta’ persuni barranin li jgħixu Malta.
Wara li serva bħala l-Policy Officer tal-aġenzija mill-2018 sal-2019, Ryan Spagnol ingħaqad mal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi biex jikkordina policies u xogħol ieħor marbut mal-migrazzjoni u l-ażil. Kien responsabbli wkoll għall-istrateġija ġenerali tal-Ministeru dwar il-migrazzjoni, l-ippjanar ta’ kontinġenza u r-reviżjoni ta’ policies u liġijiet relatati ma’ dan il-qasam.
Is-Sur Spagnol hu llawrjat b’Bachelor of Commerce in Management and Public Policy u Master of Arts in Public Policy Leadership mill-Università ta’ Malta.