Is-Sur Ronald Mizzi twieled fit-3 ta’ Lulju tal-1982 u hu minn Ħaż-Żabbar. Huwa ngħaqad mas-Servizz Pubbliku fl-2004 bħala Economics Officer fi ħdan id-Dipartiment għall-Iżvilupp Rurali. Fl-2006 kien assenjat bħala Uffiċjal tar-Riċerka ġewwa l-Forum Malta fl-Ewropa fejn dam sal-2008. Huwa ħadem bhala Maniġer tal-Proġetti u aktar tard bħala Senior Manager fl-Awtorità ta’ Ġestjoni ta’ Malta għall-Fondi tal-UE. Hawnhekk huwa kien responsabbli mit-tmexxija u l-eżekuzzjoni b’suċċess ta’ numru ta’ proġetti kbar kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt il-programmi ta’ fondi 2004-2006 u 2007-2013. Huwa kien responsabbli wkoll mill-għeluq b’suċċess tal-ewwel programm ta’ fondi.
Huwa dam iservi fl-Awtorità ta’ Ġestjoni sal- 2013, meta ngħażel bħala Direttur għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea u t-Twettiq tal-Programm mal-Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma.
Is-Sur Mizzi nħatar Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa (Enerġija) f’April tal-2014 u aktar tard serva bħala Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru b’portafoll li inkluda l-enerġija, l-ilma u proġetti bejn il-Gvern u l-privat. Huwa kien strumentali biex tmexxew ’il quddiem numru kbir ta’ riformi fil-qasam tal-enerġija u biex ingħalqu b’suċċess id-diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea dwar State Aid b’rabta mal-proġett il-ġdid tal-enerġija u l-gass f’Delimara.
Fl-2017, is-Sur Mizzi nħatar Segretarju Permanenti tal-Ministeru għat-Turiżmu. F' Jannar 2020 dan il-Ministeru sar il-Ministeru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur. F’April 2022, is-Sur Mizzi nħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Eknomijia, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet.
Is-Sur Mizzi għandu Masters fl-Istudji Ewropej u huwa gradwat ukoll fir-Relazzjonijiet Internazzjonali.