Is-Sur Mark Musù daħal fis-Servizz Pubbliku fl-1986, fejn serva f'bosta karigi fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fl-istess Ministeru. Huwa okkupa diversi pożizzjonijiet f'dan id-Dipartiment, sakemm f'Diċembru tal-2005 inħatar Direttur responsabbli mill-Affarijiet Internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea fil-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali.
F'Novembru tal-2008, is-Sur Musù nħatar Direttur għall-Iżvilupp Strateġiku u Relazzjonijiet Internazzjonali fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, filwaqt li f'Novembru 2012 inħatar Direttur għall-Istrateġija tal-Pensjonijiet. Tul dawn is-snin, is-Sur Musù rrappreżenta lil Malta f'diversi kumitati tal-UE, kif ukoll f'kumitati, konferenzi u seminars internazzjonali dwar is-sigurtà soċjali.
F'Marzu tal-2013, is-Sur Musù inħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali u f'Ġunju 2017 reġa nħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali. Huwa jservi wkoll bħala Chairperson tal-Grupp ta' Ħidma għall-Istrateġija tal-Pensjonijiet. Is-Sur Musù huwa wkoll Deputat Chairperson tal-Bord tad-Diretturi tal-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni (MCA) u membru fuq il-Bord tan-Netwerk tal-Iżvilupp Sostenibbli kif ukoll membru fil-Kumitat Kontra t-Traffikar ta' Bnedmin.
F'Novembru 2020 inħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal kif ukoll Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali. F'April 2022 is-Sur Musù nħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal. Minn April 2022 sa Settembru 2023 hu serva addizzjonalment ta' Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli. F'Jannar 2023 huwa inħatar ukoll bħala Deputat Chairperson tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) u ftit wara Deputat Chairperson tal-Kummissjoni għall-Pagi Baxxi.
Is-Sur Musù huwa gradwat fl-Amministrazzjoni Pubblika.