Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima

Is-Sur Joseph F. Caruana

Is-Sur Joseph F. Caruana twieled f’Marsaxlokk fit-2 ta’ Mejju 1961. Huwa ggradwa mill-Università ta’ Malta b’Baċellerat fl-Arti fl-Amministrazzjoni Pubblika fl-1985 u Masters fil-Business Administration (Executive) f’Novembru tal-2001.

Is-Sur Caruana daħal fis-Servizz Pubbliku bħala student-ħaddiem fl-1980 u fl-1985 kien appuntat Uffiċjal Prinċipali fit-taqsima tal-ġbir tal-flus fid-Dipartiment tal-Artijiet. Fl-1996 kien appuntat Uffiċjal Prinċipali Anzjan u fl-istess sena ngħata r-rwol addizzjonali ta’ koordinatur fuq il-proġetti tal-informatika fid-Dipartiment tal-Artijiet u fid-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjetà. F’Ottubru tal-1999 huwa kien appuntat Direttur tad-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjetà fi ħdan it-Taqsima Proprjetà tal-Gvern. F’Novembru 2008 s-Sur Caruana kien appuntat Direttur Ġenerali għall-operat fi ħdan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u serva wkoll bħala Direttur tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.

Is-Sur Caruana kien appuntat Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima f’Lulju 2013. Huwa wkoll membru tar-Retikolat għall-Iżvilupp Sostenibbli u President tal-Korp ta’ Approvazzjoni tal-Eko-kontribuzzjoni.