Joseph Chetcuti twieled fit-28 ta’ Frar 1964, huwa miżżewweġ u għandu żewġt ibniet.
Studja fil-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl u fl-Università ta’ Malta, u ggradwa b’Diploma fl-Amministrazzjoni Pubblika.
Is-Sur Chetcuti ngħaqad mas-Servizz Pubbliku bħala Assistent Doganali fid-Dipartiment tad-Dwana fl-1986, fl-età ta’ 22 sena, fejn kien promoss bħala Uffiċjal Doganali fl-1993, Spettur tad-Dwana fl-2007, u Spettur Anzjan tad-Dwana fl-2013.
Fl-2014 inħatar Direttur (għas-Sisa) fi ħdan id-Dipartiment Doganali. Sentejn wara, is-Sur Chetcuti ġie appuntat Direttur Ġenerali (Dwana). Huwa implimenta fid-Dipartiment programm ta’ bidla komprensiva, bi strateġija tan-negozju msejsa fuq viżjoni ffukata fuq il-klijent, mingħajr ma kkomprometta s-sigurtà ġenerali tal-katina tal-provvista.
Is-Sur Chetcuti pparteċipa f’laqgħat organizzati mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) għall-Kapijiet tal-Awtoritajiet Doganali u pparteċipa b’mod attiv f’bosta avvenimenti tal-Unjoni Doganali tal-UE, li wħud minnhom ġew ospitati minn Malta. Fil-fatt, fost dawn il-konferenzi kien hemm is-Seminar ta’ Livell Għoli għall-Amministrazzjonijiet tat-Taxxa u d-Dwana li sar f’Malta fl-2017.
Fid-Dwana, permezz ta’ komunikazzjoni u għarfien kontinwi, filwaqt li poġġa fuq quddiem il-kisbiet u s-suċċessi tad-Dipartiment, is-Sur Chetcuti żied b’mod sinjifikanti l-viżibbiltà tad-Dipartiment u bena sens ta’ appartenenza u bidla fil-kultura li issa wasslet biex il-persunal ineħħi l-mentalità arkajka tas-silo u jgawdi sensazzjoni ġdida ta’ kburija.
Is-Sur Chetcuti serva wkoll fil-Kumitat Nazzjonali għas-Sigurtà Marittima, il-Kumitat tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni, il-Bord ta’ Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet, il-Kumitat ta’ Tmexxija għall-Uffiċċju tal-Kummissarju għad-Dħul u l-Kumitat Nazzjonali ta’ Kordinazzjoni dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu.