Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Finanzi (Integrazzjoni u Amministrazzjoni)

Is-Sur Joseph Caruana

Is-Sur Caruana beda l-karriera tiegħu fis-Servizz Pubbliku fl-14 ta’ Diċembru 1977 fid-Dipartiment tal-Eżamijiet, fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni. Minn hemm kompla miexi ’l quddiem, fejn bejn it-23 ta’ Diċembru 1999 sa Marzu 2004 serva bħala Aġent Direttur u sussugwentament Assistent Direttur tal-Eżamijiet. Matul dan iż-żmien is-Sur Caruana daħħal u żviluppa l-inizjattivi tal-e-gov u l-m-gov kif ukoll li applikant jirċievi r-riżultat tal-eżamijiet permezz tal-sms. Huwa fassal u ppubblika l-Quality Service Charter fid-Dipartiment tal-Eżamijiet li ġiet introdotta f’Ottubru 1999.

Is-Sur Joseph Caruana kien appuntat bħala Information Management Officer fi ħdan il-Ministeru tal-Kompetittività u Komunikazzjoni fl-2004. Matul dan iż-żmien, huwa kkoordina u mexxa t-trasferiment tal-ħlasijiet tal-liċenzji tat-TV lid-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi tal-MCMP.

Bejn Novembru 2004 sa Ġunju 2008, Joseph Caruana serva bħala Direttur tas-Servizzi Korporattivi fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali. Matul dawn is-snin huwa għaqqad il-funzjonijiet tad-Dipartiment u pprovda sapport korporattiv lid-Dipartimenti l-oħra li kienu jaqgħu taħt dak il-Ministeru.

F’Ġunju 2008, is-Sur Caruana ġie appuntat Kap tal-Aġenzija għall-Pagamenti, fejn aċċerta li l-Aġenzija tkun akkreditata skont ir-Regolamenti tal-Kunsill EC 1290/2005 u EC885/2006. Matul dan il-perjodu huwa assigura li l-pagamenti tas-sussidji taħt l-iskemi tal-Iżvilupp Rurali jiġu mgħoddija lis-settur fiż- żmien dovut, waqqaf call centre għall-komunità agrikola, u tpoġġiet l-informazzjoni onlajn fuq il-websajt tal-Aġenzija.

Bejn Ottubru 2011 u April 2013, is-Sur Caruana serva bħala Aġent Direttur Ġenerali tas-Sajd u Aġent Direttur (Kontroll tas-Sajd). Matul dan il-perjodu, is-Sur Caruana wettaq eżerċizzju sabiex il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea jiġu assimilati fil-liġijiet nazzjonali u sabiex jiġi assigurat il-25 mil nawtiku għas-sajjieda. Waqqaf call centre 24x7 għall-komunità tas-sajjieda.

Is-Sur Joseph Caruana serva bħala Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol bejn is-16 ta’Ottubru 2013 u l-15 ta’ Ġunju 2017. Matul dan iż-żmien, il-Ministeru wettaq numru ta’ inizjattivi fl-oqsma tal-edukazzjoni, ix-xogħol, żgħażagħ u sports. Saru numru ta’ inizjattivi wkoll fir-riċerka u l-innovazzjoni, fosthom it-twaqqif tal-Esplora.

Fis-16 ta’ Ġunju 2017, is-Sur Caruana ġie appuntat bħala Segretarju Permanenti (Integrazzjoni u Amministrazzjoni) fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi. Huwa responsabbli mill-amministrazzjoni tal-Ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu u l-integrazzjoni tal-funzjonijiet tad-dipartimenti responsabbli mill-ġbir tat-taxxi.

Is-Sur Joseph Caruana ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl, l-MCAST u l-Università ta’ Malta minn fejn huwa gradwat b’Diploma fl-Amministrazzjoni Pubblika u l-MBA. Huwa membru tal-Malta Institute of Management mis-sena 2001 u Fellow tal-Assocjazzjoni Internazzjonali tal-Book Keepers.

Is-Sur Caruana huwa attiv f’għaqdiet volontarji. Bejn l-1971 u l-1992 kien jilgħab il-basketball mar-Rabat Depiro Club. Kien ukoll membru-fundatur u wara wkoll President tar-Rabat Depiro Basketball Club u tad-Depiro Youth Centre fir-Rabat.

Bejn id-19 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Marzu 2000, is-Sur Caruana kien co-opted bħala Kunsillier fil-Kunsill Lokali tar-Rabat, Malta.