​Segretarju Permanenti, Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali

Is-Sur Godwin Mifsud

Is-Sur Godwin Mifsud beda jaħdem fis-Servizz Pubbliku fl-2001 bħala Uffiċjal tal-Ekonomija fid-Dipartiment għall-Politika Ekonomika fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi u serva f’diversi karigi matul dan il-perjodu. Fl-2011, hu kien appuntat Direttur (Riċerka Ekonomika Strutturali) u aktar tard Direttur Ġenerali (Politika Ekonomika) fl-2015. Taħt it-tmexxija tas-Sur Mifsud, id-Dipartiment stabbilixxa ruħu fi rwol konsultattiv fil-qasam tal-politika ekonomika, b’enfasi fuq l-evidenza empirika.

Matul is-snin, is-Sur Mifsud irrappreżenta lil Malta f’laqgħat tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, kien il-Kap tad-Delegazzjoni ta’ Malta għall-Kumitat għall-Politika Ekonomika, li huwa wieħed mill-korpi preparatorji tal-Kunsill ECOFIN. Huwa serva wkoll bħala Chairman tal-Grupp dwar ix-Xjuħija tal-Popolazzjoni u s-Sostenibilità tal-Finanzi Pubbliċi fi ħdan l-istess Kumitat. Is-Sur Mifsud mexxa numru ta’ delegazzjonijiet f’laqgħat ma’ istituzzjonijiet internazzjonali, fosthom mal-Kummissjoni Ewropea, il-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Dinji u aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu.

Is-Sur Mifsud iservi wkoll fuq numru ta’ bordijiet u kumitati tal-Gvern. Huwa studja kemm f’Malta kif ukoll fir-Renju Unit u huwa formalment kwalifikat fil-livell postgradwatorju fl-Ekonomija u fil-Politika Pubblika.