Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Dr Francis Fabri

Dr Francis Fabri għandu esperjenza wiesgħa kemm fil-volontarjat, fl-iskejjel kif ukoll fl-edukazzjoni. Iggradwa bħala għalliem u, wara snin ta’ tagħlim, serva f’numru ta’ pożizzjonijiet ta’ tmexxija fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol fosthom fl-irwoli ta’ Prinċipal tal-Kulleġġi, Direttur fid-Dipartiment għar-Riċerka u l-Iżvilupp, Aġent Direttur fid-Dipartiment għat-Tmexxija Kurrikulari u l-eLearning, u Direttur Ġenerali fid-Dipartment tal-Operat, u mbagħad fid-Dipartiment għall-Kurrikulu, ir-Riċerka, l-Innovazzjoni u t-Tagħlim Tul il-Ħajja.

Dr Fabri ingħata d-dottorat fl-edukazzjoni mill-Istitut għall-Edukazzjoni tal-Università ta’ Londra wara li temm b’suċċess il-Masters u l-Baċellerat mill-Università ta’ Malta. L-oqsma ta’ speċjalizzazzjoni tiegħu jinkludu t-tmexxija fl-edukazzjoni, il-kollaborazzjoni bejn istituzzjonijiet edukattivi u lil hinn minnhom, it-taħriġ u l-iżvilupp professjonali, u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni strateġika. Hu ppubblika u ppreżenta f’dawn l-oqsma f’konferenzi kemm f’Malta kif ukoll barra. Żar numru ta’ sistemi edukattivi fosthom dawk fil-Finlandja, Singapor, Franza, l-Ingilterra, l-Italja, l-Iżvezja u l-Olanda.

Il-kontribuzzjonijiet strateġiċi u politiċi ewlenin tiegħu huma Qafas għall-Istrateġija għall-Edukazzjoni f’Malta: 2014-2024 (2014) u Il-Vjaġġ Tiegħi: Nasal minn toroq differenti (2016).