​Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ

Is-Sinjura Fiona Formosa

Is-Sa Fiona Formosa bdiet il-karriera tagħha bħala Second Secretary fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’Settembru 1996. L-ewwel responsabbiltajiet tagħha kienu fid-Dipartiment għall-Affarjiet Multilaterali fejn ħadmet f’oqsma varji ta’ natura soċjali u umanitarja, kif ukoll fuq aġenziji differenti tan-Nazzjonijiet Uniti.

L-ewwel posting tagħha seħħ erba’ snin wara meta, bħala First Secretary, marret fl-Ambaxxata ta’ Malta li kienet għada kemm fetħet f’Ateni. Meta rritornat fil-Ministeru fis-sena 2003, ħadmet fuq interessi relatati mal-Commonwealth, għajnuna teknika u kandidaturi internazzjonali. Sena wara marret fid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Bilaterali bħala Kap tat-Taqsima għall-Asja u l-Amerika ta’ Fuq.

Wara tibdil fl-organizzazzjoni tal-Ministeru, is-Sa Formosa bdiet taħdem fid-Direttorat għall-Affarijiet Globali fuq id-Drittijiet tal-Bniedem u Affarijiet Kulturali. Fis-sena 2008 laħqet il-grad ta’ Counsellor u saret il-Konslu Ġenerali għal Malta f’Toronto, il-Kanada, sas-sena 2011. Mal-wasla tagħha lura fil-Ministeru, ħadmet fid-Direttorat għall-Affarijiet Ewropej u kienet promossa għall-grad ta’ First Counsellor.

Fis-sena 2012 laħqet Assistent Direttur u sussegwentement Direttur għall-Affarijiet Ġenerali Ewropej u Koperazzjoni Ekonomika, li llum huwa d-Direttorat għall- Iżvilupp Internazzjonali, Affarijiet Ekonomiċi u Istituzzjonijiet Ewropej. F’Marzu 2014 is-Sa Formosa ppreżentat il-kredenzjali tagħha bħala Ambaxxatur mhux residenti għar-Repubblika tat-Turkija.

Aktar tard ingħatat il-kariga ta’ Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, liema kariga għadha tokkupa sal-lum.

Is-Sa Formosa hija gradwata mill-Università ta’ Malta b’B.A. (Hons) fir-Relazzjonijiet Internazzjonali u M.A. fid-Diplomazija.