IDEA hija inizjattiva li ġiet varata fit-8 ta’ Ottubru, 2014. Permezz tas-sit elettroniku www.idea.gov.mt, l-impjegati pubbliċi kollha jistgħu jressqu l-IDEA tagħhom dwar kif jista’ jitjieb l-operat tas-Servizz Pubbliku. Dawk l-IDEAt li jistgħu jitwettqu jingħataw għarfien. Persuni li ma jiffurmawx parti mis-Servizz Pubbliku, iżda xorta jixtiequ jwasslu IDEA dwar kif nistgħu nagħtu servizz aħjar, għandhom jagħmlu dan billi jagħfsu hawn.
L-inizjattiva m’għandhiex data ta’ skadenza. Dan bil-għan li uffiċjal pubbliku jista’ jressaq l-IDEA tiegħu meta jrid u fi x’ħin irid.
L-ewwel IDEAt ġew rikonoxxuti waqt attività ta’ rikonoxximent matul il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2015, bl-isem ta’ Nirrikonoxxu x-Xogħol, u baqgħu jiġu rikonoxxuti kull sena.
Is-Servizz Pubbliku jemmen li ħadd daqs l-impjegat innifsu, li jmiss mal-proċessi fid-dipartiment tiegħu kuljum, ma jista’ jagħti IDEAt validi u li jistgħu jitwettqu. Fl-istess waqt, il-klijent estern ukoll qiegħed imiss mal-kwalità tas-servizz u wkoll għandu dritt u dmir jagħmel suġġerimenti għal titjib fis-servizz. Kollox ma’ kollox, is-Servizz Pubbliku jrid joħloq kultura proattiva fid-Dipartimenti u l-Entitajiet governattivi fejn ideat ġodda mhux jinħanqu qabel jitwieldu, imma fejn l-ambjent tax-xogħol ikun fih innifsu konduċenti għal ideat li jwasslu għal titjib kontinwu.