Is-Servizz Pubbliku jemmen li s-servizz lill-klijent għandu jingħata 24x7 bl-ogħla livelli ta’ kwalità. L-istrateġija ġdida tas-Servizz Pubbliku għall-ħames snin li ġejjin għandha l-mira ambizzjuża li nersqu lejn servizz t’eċċellenza permezz ta’ tliet pilastri – in-Nies, it-Teknoloġija u s-Servizz.

Meta nitkellmu dwar in-nies, qed nirreferu kemm għall-klijenti kif ukoll għall-impjegati pubbliċi, u għalhekk nipprovdu l-aqwa trattament u kundizzjonijiet lill-ħaddiema tagħna.

Kien għalhekk li matul is-snin għarafna lill-uffiċjali pubbliċi li eċċellaw fil-mod kif jagħmlu xogħolhom u kif jipprovdu servizzi lill-klijenti. Filwaqt li l-Awards relatati mal-Kwalità jippremjaw dipartimenti sħaħ, l-“Għotja ta’ Rikonoxximent – Servizz ta’ Kwalità” hija bbażata fuq livell aktar individwali.

Din l-għotja sservi ta’ opportunità biex jiġu rikonoxxuti impjegati li mhux biss għandhom għal qalbhom il-ġid komuni tas-soċjetà iżda li, permezz tad-dedikazzjoni u l-bżulija tagħhom fl-eżekuzzjoni ta’ dmirijiethom, urew xi tfisser li wieħed jagħmel dak l-isforz żejjed lil hinn mid-dmirijiet tiegħu. L-impjegati li jiġu magħżula jservu bħala mudell eżemplari għall-kollegi tagħhom, kif ukoll għall-uffiċjali pubbliċi u l-impjegati kollha.

L-ewwel darba li ngħata dan il-premju kien waqt il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2020. Madankollu dan il-premju se jibqa’ jingħata kull sena.

Il-proċess ta’ nominazzjoni huwa miftuħ u d-dettalji jinsabu hawn​.