L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni flimkien mal-Awtorità tal-Ippjanar nieda Strateġija għall-Belt Valletta. L-għan ta’ din l-istrateġija hu li jindirizza l-isfidi għall-Belt Valletta b’mod kordinat u koerenti. Din l-istrateġija hija bbażata fuq viżjoni waħda u fit-tul, li tlaqqa’ flimkien it-trattament denju li jistħoqqilha Belt kapitali ta’ livell ta’ wirt dinji tal-UNESCO, man-neċessitajiet tar-residenti, in-negozji u dawk kollha li jżuru l-Belt. B’hekk, flimkien noħolqu Belt ħajja, min-nies għan-nies.
Din l-istrateġija nfetħet għal konsultazzjoni pubblika mifruxa fuq sitt ġimgħat. F’dan il-perjodu ta’ konsultazzjoni ġiet organizzata laqgħa mal-pubbliku fejn kulħadd ingħata l-opportunità jaqsam ħsibijietu dwar il-Belt Valletta. Waqt din il-laqgħa, li saret nhar it-Tnejn 18 ta’ Lulju 2016 fis-18:00, fil-bini tal-Università l-Qadima, il-Belt Valletta, saret preżentazzjoni tal-istrateġija.
L-istrateġija ġiet ippubblikata f’Diċembru 2016. Il-bżonn tagħha kien ilu jinħass u l-Amminisrazzjoni kienet ilha tirċievi proposti li jikkonċernaw il-Belt u kif il-pubbliku jixtieq jaraha. Għalhekk numru ta’ entitajiet, fosthom il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, il-Valletta 2018, il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, ġabru dawn il-proposti fi pjan t’azzjoni wieħed wara li saret konsultazzjoni preliminari ma’ persuni minn diversi oqsma.
Il-qofol tal-istrateġija huwa l-fatt li l-ħidma b’risq il-Belt Valletta issa qed issir b’mod kordinat u kollettiv, u mhux kulħadd jaħdem għal rasu.
L-istrateġija ser twassal għal riġenerazzjoni soċjali biex tinkoraġġixxi lin-nies imorru joqogħdu l-Belt, fid-dawl tal-fatt li llum il-belt kapitali hija attiva ħafna fil-kummerċ iżda għandha popolazzjoni li qiegħda dejjem tonqos u numru kbir ta’ proprjetajiet li huma mikrijin jew abbandunati.
L-istrateġija tittratta żoni differenti tal-Belt Valletta, inklużi dawk fil-periferija, bil-għan li l-bżonnijiet ta’ kull żona jiġu indirizzati fl-ambitu ta’ strateġija waħda. Tinkorpora wkoll bosta proposti dwar oqsma bħall-proprjetà fil-Belt, l-aktar inħawi bi ħtieġa urġenti ta’ riġenerazzjoni, it-trasport u l-immaniġġar.
Ara l-istrateġija hawnhekk