Is-Servizz Pubbliku għat-tielet sena konsekuttiva qed jieħu sehem fil-Freshers’ Week, li ssir fil-bidu ta’ kull sena akkademika biex l-istudenti universitarji l-ġodda jsiru midħla tal-ħajja fuq il-kampus filwaqt li jingħataw tagħrif dwar il-karrieri li jistgħu jaqbdu wara li jtemmu l-istudji tagħhom. Fost dawk li żaru l-Freshers’ Week fl-ewwel jum tagħha kien hemm is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar.

L-istudenti kellhom ħafna x’jistaqsu dwar il-prospetti ta’ karriera fis-Servizz Pubbliku. Il-mistoqsijiet tagħhom kienu mwieġba minn uffiċjali pubbliċi mill-People and Standards Division u mill-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi, li kellmuhom dwar l-impjiegi fis-Servizz Pubbliku, il-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll l-opportunitajiet ta’ taħriġ u studju biex wieħed jimxi dejjem ’il quddiem fil-karriera tiegħu.

Lill-istudenti tqassmulhom ukoll fuljetti b’tagħrif dwar il-benefiċċji ta’ karriera fis-Servizz Pubbliku, l-opportunitajiet biex wieħed jagħmel progress fil-karriera u jibqa’ sodisfatt u motivat, kif ukoll liema huma l-oqsma ewlenin li fihom wieħed jista’ jaqbad karriera fis-Servizz Pubbliku.

Dawn l-oqsma jinkludu l-amministrazzjoni, l-ambjent, l-ekonomija, id-dentistrija, il-farmaċewtika, l-edukazzjoni, l-inġinerija, il-liġi, il-psikoloġija, il-ħidma soċjali u d-diplomazija.

Il-fuljetti jinkludu wkoll tagħrif imwassal direttament minn ħames uffiċjali pubbliċi dwar kif żvolġiet s’issa l-karriera tagħhom fi ħdan is-Servizz Pubbliku.