“Uff xi sħana!” Aktarx li din hija l-aktar frażi li qed tingħad spiss bħalissa, saħansitra minn dawk li jħobbu s-sajf u jippreferu s-sħana tiegħu mill-kesħa tax-xitwa. F’temperaturi li jaqtgħulna nifisna filwaqt li jqanqlu fina gratitudni għall-fatt li llum nistgħu ngħixu u naħdmu fil-kumdità tal-arja kundizzjonata, id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard bħalissa għaddej b’kampanja edukattiva dwar kif nistgħu ntaffu l-effetti tas-sħana, għax din tista’ twassal għal mard u saħansitra mwiet.

Din il-kampanja tenfasizza kemm huwa importanti li, sa fejn hu possibbli, wieħed ma jesponix ruħu għax-xemx bejn l-10am u l-4pm, billi f’dawn il-ħinijiet ix-xemx tkun fl-aqwa tagħha. Dan jgħodd ukoll għal dawk li jagħmlu xi attività fiżika, li għandhom jevitawha f’dawn il-ħinijiet, filwaqt li jixorbu ammont sostanzjali ta’ ilma regolarment.

F’każ li persuna ma tistax tagħmel mod ieħor, huwa importanti li ttaffi l-impatt tar-raġġi tax-xemx billi tilbes ħwejjeġ ħfief u tuża sun block bi protezzjoni ta’ ’l fuq minn 50SPF, li għandu jiġi applikat regolarment matul il-ġurnata. Ikun tajjeb ukoll li jintlibsu kpiepel u nuċċalijiet tax-xemx.

 

Il-kampanja tħeġġeġ ukoll biex tingħata attenzjoni speċjali lil persuni vulnerabbli, li s-sħana taffettwahom l-aktar. Dawn huma t-trabi, it-tfal żgħar u l-anzjani. Min għandu qraba jew ġirien anzjani jew ibatu minn mard kroniku għandu jinkoraġġihom biex iżommu ruħhom friski u jixorbu ħafna ilma. Fejn jidħlu tfal, minbarra li għandhom jinżammu friski u jingħataw l-ilma regolarment, dawn m’għandhom qatt jitħallew fil-karozza. Dan jgħodd ukoll għall-annimali, li bħalna jħossu s-sħana.

Rakkomandazzjoni oħra f’din il-kampanja hija li meta nkunu d-dar jew fuq il-post tax-xogħol, l-ambjent jinżamm frisk. Kulħadd għandu jixrob ilma frisk regolarment u ma jistenniex li jkun bil-għatx biex jagħmel dan. L-alkoħol għandu jkun evitat kemm jista’ jkun.
Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard qed iħeġġeġ ukoll biex noqogħdu attenti għar-rapport tat-temp, u nagħtu kas speċjalment l-indiċi tal-UV u l-avviżi regolari li joħorġu mid-Dipartiment tas-Saħħa.

Biex wieħed ikun jaf aktar jista’ jċempel lid-Direttorat fuq 23266000 jew iżur il-paġna ta’ facebook HPDPMalta.