Mal-kliem “btala barra minn Malta” aktarx jiġi f’moħħna biss id-divertiment. Iżda l-ħajja għandha ħabta kif titfagħlek sajjetta waqt l-isbaħ bnazzi, u għalhekk tajjeb li kull vjaġġatur jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa.

Il-Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea, magħrufa aktar bħala European Health Insurance Card jew EHIC, toffri appuntu dawn il-prekawzjonijiet ta’ serħan il-moħħ. Permezz ta’ din il-card, il-vjaġġatur ikun intitolat għal kura mraħħsa jew bla ħlas fi 32 pajjiż fl-Ewropa, jiġifieri t-28 membru tal-Unjoni Ewropea u l-erba’ membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA).

Il-card tiġi stampata fl-istess format f’kull pajjiż membru u għalhekk hija rikonoxxuta fil-pajjiżi kollha, irrispettivament mil-lingwa li biha jkun miktub il-kliem fuq il-card. L-għan tal-card huwa li tiffaċilita l-aċċess għall-kura medika waqt żjara temporanja f’pajjiż membru ieħor, filwaqt li tħaffef il-proċess tal-għoti lura tal-flus meta jkun hemm spejjeż involuti.

F’Malta, l-entità responsabbli mill-ħruġ tal-EHIC hija l-EU Health Entitlement Unit, li hija parti mid-Dipartiment għall-Policy tas-Saħħa – Finanzjament tal-Kura tas-Saħħa. Kull sena, l-uffiċjali pubbliċi li jaħdmu fl-Entitlement Unit joħorġu eluf ta’ cards. Biżżejjed ngħidu li bejn Jannar u Diċembru tas-sena li għaddiet, it-taqsima pproċessat 37,918-il applikazzjoni għall-EHIC. Din iċ-ċifra kienet turi żieda ta’ 14,502 fuq in-numru ta’ cards li nħarġu fl-2015, meta ġew proċessati 23,416-il card.

Kull min ikun biħsiebu jivvjaġġa fl-Ewropa għandu japplika għall-EHIC mill-inqas 15-il jum ta’ xogħol qabel ma jkun se jitlaq minn Malta. Ma hemm l-ebda ħlas involut biex wieħed jakkwista din il-card.

Wieħed jista’ japplika permezz ta’ servizz.gov jew inkella billi jġib applikazzjoni mill-eqreb kunsill lokali jew direttament mill-Entitlement Unit li tinsab f’dak li qabel kien l-Outpatients Block fl-Isptar San Luqa.

L-EHIC tibqa’ valida għal ħames snin. Wieħed jista’ japplika għal card ġdida minn tliet xhur qabel id-data tal-iskadenza.

Ta’ min ifakkar li wieħed jista’ juża wkoll il-mobile app tal-EHIC, li permezz tagħha tista’ żżomm id-dettalji tal-card fil-mowbajl tiegħek, tirċievi tfakkira biex iġġedded il-card meta tkun se tiskadi, u tkun taf fejn jinsabu l-isptarijiet fl-Ewropa kollha.